Aktar minn 52,000 kilo ta’ batteriji nġabru mill-Wasteserv mill-iskejjel f’Malta u Għawdex minn 7 edizzjonijiet ta’ Batterina - Wasteserv Malta Limited
Article Details
Aktar minn 52,000 kilo ta’ batteriji nġabru mill-Wasteserv mill-iskejjel f’Malta u Għawdex minn 7 edizzjonijiet ta’ Batterina
Press Release On 10/14/2016 12:32:00 PM

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera u l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo indirizzaw ċerimonja marbuta mal-kompetizzjoni annwali tal- Wasteserv fl-iskejjel magħrufa bħala l-kampanja ta’ Batterina, ġewwa St Francis School, Xagħra, Għawdex.

 

Waqt din l-attività, il-Ministru Herrera ħabbar li s-servizz tal-ġbir ta’ batteriji użati mhux se jibqa’ jaqa’ taħt il-kompetenza tal-aġenzija tal-gvern Wasteserv, iżda se jimxi għas-settur privat fis-sena 2017.

 

Mill-bidu tal-kampanja ta’ Batterina fl-2009 inġabru aktar minn 52,000 kilo ta’ batteriji użati. Fis- sena skolastika 2015-2016, inġabru aktar minn 6,100 kilo ta’ batteriji mill-iskejjel waħedhom, u 179 skola ħadu sehem b’mod volontarju. L-iskola li ġabret l-aktar batteriji użati bħala medja għal kull student kienet St Francis School, Xagħra, Għawdex, fejn inġabru medja ta’ 6 kilo ta’ batteriji għal kull student. L-iskola b’hekk rebħet €2,500 fi flus li jridu jintużaw jew għal proġett edukattiv  marbut mal-ambjent jew bħala investiment fir-riżorsi tal-iskola.

 

Il-Ministru Herrera irringrazzja lil Wasteserv tax-xogħol siewi tagħha matul dawn l-aħħar snin fil- qasam tal-ġbir tal-batteriji u spjega li l-bidla għas-settur privat huwa pass importanti fl-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna.

 

Il-Ministru Refalo qal li tmintax fil-mija tal-batteriji miġbura f’din l-edizzjoni ġew minn skejjel f’Għawdex. Huwa rringrazzja lill-istudenti Għawdxin għal parteċipazzjoni tagħhom fejn għat-tieni sena konsekuttiva skola mill-gżira Għawdxija ġabret l-akbar ammont ta’ batterijii użati per kapita.

 

Waqt iċ-ċerimonja tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Tonio Montebello, fejn ħabbar li l- kampanja se tkompli sa Diċembru 2016 bit-tmien u l-aħħar edizzjoni. Huwa saħaq l-importanza li għandna nisseparaw ukoll l-iskart riċiklabbli, bħal plastik, karta, kartun, metall u ħġieġ, kemm id- dar kif ukoll l-iskola. Tonio Montebello qal: “Dan l-iskart isseparat jasal għandna l-Wasteserv, u minn dak il-ħin ma jibqax skart, imma jibda l-proċess biex isir riżorsa”.

 

Bħala rikonoxximent tal-impenn tal-istudenti, kull sena tiġi organizzata ukoll lotterija fejn jingħataw premijiet lil numru ta’ studenti mill-iskejjel kollha li jkunu pparteċipaw fil-kampanja. Għal din is-seba’ edizzjoni il-premijiet kienu għal darb’oħra sponsorjati minn V.J. Salomone Marketing Ltd, distributuri uffiċjali ta’ Duracell. Ir-rigali kienu iPod Touch bħala l-ewwel premju, iPod Nano bħala t-tieni premju u għaxar iPod Shuffle għal total ta’ 12-il premju.

 

Fl-iskola ta’ St Francis, Xagħra, Għawdex, kien hemm ukoll wirja ta’ oġġetti magħmula minn affarijiet riċiklati.