Wied Fulija se jingħata wiċċ ġdid - Wasteserv Malta Limited
Article Details
Wied Fulija se jingħata wiċċ ġdid
Press Release On 8/6/2019 1:05:00 PM

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, ŻVILUPP SOSTENIBBLI U TIBDIL FIL-KLIMA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI Wied Fulija se jingħata wiċċ ġdid

​Wied Fulija, miżbla dilapidata li ma tintużax fiż-Żurrieq u li tkopri 95,000m2, se tiġi riabilitata f’park naturali. Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ddikjara li “dan il-proġett mhux biss se jnaqqas it-tniġġis imma l-iżvilupp mill-ġdid u t-tisbiħ ta’ dan is-sit se jtejbu wkoll l-ambjent naturali tal-madwar u se jipprovdu lill-komunità park naturali b’żona ekwivalenti għal 9 darbiet id-daqs tal-Istadium Nazzjonali”. Ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni bdew f’Marzu 2019 bil-għan li sa Diċembru 2020 jitlesta l-proġett. Il-Ministru Herrera ħabbar li mal-45,000 siġra matura u arbuxelli indiġeni se jitħawlu fis-sit.

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li dan il-gvern qed jagħmel użu minn diversi programmi ta’ fondi tal-Ewropa sabiex isiru proġetti li jipproteġu l-ambjent naturali u marittimu kif ukoll il-kwalità tal-ilma. Spjega li dan il-proġett iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni hu parti minn pjan fit-tul tal-gvern biex jagħmel użu mill-fondi Ewropej għal dan il-għan. Semma programmi oħra bħal LIFE RBMP kif ukoll investimenti kbar fis-settur tal-ilma li jammontaw għal iktar minn €100 miljun. Qal li r-riabilitazzjoni ta’ dan il-wied mhux biss se tipproteġi l-ambjent iżda wkoll tirritorna l-imkejjen uniċi lura lill-pubbliku, b’hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

 

 

Is-sit beda jintuża bħala miżbla lura fl-1979 u ma baqax jaċċetta l-iskart fl-1996. Is-sit ikopri madwar 95,000m2 u hu stmat li matul il-perjodu operattiv ġew depożitati madwar 1.85 miljun tunellata ta’ skart. Huwa stmat li waqt li s-sit kien attiv, kull tip ta’ skart, inkluż skart perikoluż, ġie mormi f’din il-miżbla. Maż-żmien beda jitkaxkar l-iskart u jinxtered mal-irdum bil-konsegwenza li jispiċċa fil-baħar u s’issa m’hemm l-ebda sistema fis-seħħ biex tipprevjeni dan l-impatt detrimentali.

 

 

Il-Wasteserv bdiet timplimenta strateġija intensiva sabiex tnaqqas it-tixrid ta’ skart fil-baħar u tillimita tniġġis ieħor. Tonio Montebello, il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, spjega l-għanijiet varji ta’ dan il-proġett u rrimarka li “din ir-riabilitazzjoni, apparti milli tintegra viżwalment il-miżbla mal-pajsaġġ tal-madwar, se tnaqqas l-infiltrazzjoni tax-xita sabiex timminimizza l-produzzjonijiet ta’ leachate li altrimenti jkollha impatt fuq il-kwalità tal-ilma.” 

 

 

Il-proġett se jimmira li malli jkun restawrat is-sit, jiffunzjona b’manutenzjoni minima u ġie enfasizzat ukoll li din il-miżbla se tkun re-profiled mill-ġdid billi jintuża materjal diġà eżistenti fis-sit u b’hekk jitnaqqas il-carbon footprint.

 

 

Dan il-proġett se jiswa madwar €4 miljun u huwa eliġibbli għall-finanzjament mill-UE.