Jinbeda l-proġett sabiex tinbena l-Multi-Material Recovery Facility - Wasteserv Malta Limited
Article Details
Jinbeda l-proġett sabiex tinbena l-Multi-Material Recovery Facility
Press Release On 10/21/2019 12:54:00 PM

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, ŻVILUPP SOSTENIBBLI U TIBDIL FIL-KLIMA U MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA: Jinbeda l-proġett sabiex tinbena l-Multi-Material Recovery Facility

 

It-Tnejn ġie mħabbar proġett ġdid infrastrutturali tal-Wasteserv ġewwa Ħal Far, fejn ser tinbena Multi-Material Recovery Facility (MMRF). Dan il-proġett ser jsir b’investiment ta’ madwar €21.5 miljun kofinanzjat minn fondi Ewropej u se jsir fuq medda ta’ art ta’ madwar 7,000 metru kwadru u huwa mistenni li jitlesta sas-sena 2021. 

 

Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera sostna li l-għan ta’ dan il-proġett huwa li jinħoloq spazju li jkun organizzat bil-għan li jħaddnu aktar il-prinċipji ta’ ekonomija ċirkolari. Huwa spjega li f’dan l-impjant il-ġdid, il-Wasteserv ser tkun qed tipprepara u tipproċessa materjal bħal skart goff, injam, tyres, polystyrene, gypsum, saqqijiet, textiles u WEEE b’mod aħjar u għaldaqstant jonqos il-materjal li effettivament jispiċċa fil-miżbla. 

 

Huwa tenna li l-Wastserv hija operatur tal-aħħar riżorsa, u l-għan tal-gvern xorta jibqa’ li jkompli jixpruna s-settur privat biex jidħol u jipproċessa materjali. Iżda minħabba li hemm kwistjonijiet ta’ esportazzjoni u economies of scale li jagħmilha aktar diffiċli li s-settur privat jidħol u jinvesti, l-Wasteserv issa ser ikollha faċilità idonja biex fejn il-privat għal raġunijiet diversi ma jidħolx hu dirett biex jipproċessa dan il-materjal, il-Wasteserv tkun tista’ tkompli bix-xogħol. Il-Ministru Herrera kkonkluda li l-viżjoni ħolistika tal-gvern fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart ser iwassal għal pajjiż aktar nadif, b’aktar sensittività għall-ambjent.

 

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Dr Edward Zammit Lewis fisser kif il-fondi Ewropej qed jaġevolaw l-impenn tal-gvern li jindirizza l-isfidi ambjentali u jagħmel il-parti tiegħu kontra t-tibdil fil-klima. Dan il-proġett, li fil-maġġorparti tiegħu ffinanzjat mill-Fond tal-Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, huwa sintomu ta’ dan kollu u tas-suċċess li ksibna fl-assorbiment tal-fondi Ewropej li ġew investiti f’pajjiżna. 

 

F’dan il-kuntest, il-Ministru Zammit Lewis tenna l-impenn tal-gvern li jġib l-aqwa pakkett finanzjarju mill-Unjoni Ewropea għas-snin li ġejjin, u dan bil-għan li jsostni l-investiment kurrenti waqt li jimplimenta proġetti ġodda b’konsistenza mal-viżjoni ambizzjuża tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida għas-settur ambjentali u lil hinn. 

 

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dan il-proġett, b’investiment ta’ €17 miljun minn fondi ta’ koeżjoni, jew aħjar 85% tal-ispiża totali, kwalifika għal fondi ta’ koeżjoni. Dan għax fl-ewwel lok se jgħin biex jintlaħqu l-miri tal-immaniġġjar tal-iskart li ħarġu mid-direttiva tal-waste framework li ttejjeb l-effiċjenza tal-Wasteserv fi skart goff qabel ikun esportat. 

 

Huwa kompla jgħid li fit-tieni lok, hemm pjan fit-tul u strateġija b’numru ta’ miżuri, proġetti u skemi b’investiment ta’ miljuni ta’ ewro minn fondi Ewropej. Fost dawn huwa semma l-kampanja Sort-It-Out, l-iskema tal-iskart mediċinali, riabilitazzjoni tal-landfill ta’ Wied Fulija f’park għal familji, u kampanji ta’ informazzjoni biex il-familji u n negozji jisseparaw l-iskart fi djarhom. Is-Segretarju Parlamentari qal li jħares ’il quddiem biex il-Fondi ta’ Koeżjoni 2021-2027 jgħinu f’din il-ħidma ħolistika tal-pajjiż fl-immaniġġjar  tal-iskart.

 

Iċ-Chairperson tal-Wasteserv David Borg, qal li, “Huwa mistenni li l-kontribut ewlieni tal-MMRF ikun dak li jingħalqu ċertu lakuni fis-sistema eżistenti tal-immaniġġjar tal-iskart billi jiġu żviluppati waste streams differenti li jnaqqsu l-iskart li jintrema fil-miżbla mingħajr l-ebda trattament u għaldaqstant inħarsu l-ispazju li għandna għad-dispożizzjoni tagħna u nsaħħu l-kapaċità ta’ kif nitrattaw l-iskart. Meta jitlestew ix-xogħlijiet, il-faċilità tiġi kkummissjonata u mgħoddija lill-Wasteserv li jkollha ħolqa oħra importanti fil¬-katina ta’ faċilitajiet li topera għal benefiċċju tar¬-residenti f’Malta u Għawdex, bil-għan li pajjiżna jilħaq l-objettivi ambjentali fl¬isfond ta’ sfidi assoċjati mal-immaniġġjar tal-iskart.”