Contact Us

 

Armi l-ħġieġ tiegħek kif suppost

WasteServ nediet kampanja ġdida ta’ informazzjoni sabiex tħeġġeġ lir-residenti joħorġu l-ħġieġ tagħhom f’kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw.   


Minbarra l-ġbir bieb bieb, ir-residenti jistgħu wkoll jiddisponu mill-ħġieġ tagħhom f’diversi iBiNs jew Bring-In-Sites; ġewwa wieħed miċ-Ċentri għall-Iskart Goff; jew fir-Roadshow Truck.  


Mistoqsijiet Frekwenti

Liema ħġieġ jista’ jiġi riċiklat?

Tista’ tirriċikla fliexken u vażetti.

Kif nirriċikla l-ħġieġ?

  • Laħlaħ il-flixkun jew vażett.
  • Neħħi t-tappijiet (dawn tista’ tagħmilhom fil-borża tar-riċiklaġġ).
  • Oħroġ il-ħġieġ fil-kontenitur ta’ l-għatu kannella jew fi kwalunkwe kontenitur li tista’ terġa’ tuża, bħal barmil jew kannestru.
  • Tinsiex terġa ddaħħal il-kontenitur ġewwa sabiex tkun tista terġa tintużah darb’ oħra.

X’modi oħra hemm biex niddisponi mill-ħġieġ?

Hemm madwar 800 iBiNs huma operati u mmaniġġjati minn GreenPak Coop.  Tista’ tniżżel l-app li turik fejn hemm l-iBiNs disponibbli fil-viċinanzi tiegħek. Hemm ukoll numru ta’ Bring-in-Sites operati minn GreenMT fejn tista’ tiddisponi mill-ħġieg.  


Iċċekkja hawn fejn tista' ssib l-eqreb iBiNs jew Bring-In sites. 

Tista’ wkoll tiddisponi mill-ħġieġ ġo wieħed miċ-Ċentri għall-Iskart Goff li jkunu miftuħin mit-Tnejn sal-Ħadd, bejn is-7:30am u l-5:30pm. jew fir-Roadshow Truck li jżur kull lokalità darba fix-xahar.

Għalxiex għandek tpoġġi l-ħġieġ f’kontenitur li jista’ jerġa’ jintuża?

Dan qed nagħmluh sabiex niżguraw li x-xogħol li tkun ħadt meta laħlaħt u sseparajt il-ħġieġ ma jisfaxxax fix-xejn waqt il-ġbir billi jitħallat ma’ materjali oħra, bħal basktijiet tal-plastik, kaxxi tal-kartun jew skart ieħor peress li dan iwassal biex inaqqas mill-kwalità tal-ħġieġ miġbur.

X’jiġri mill-ħġieġ meta jasal fil-faċilitajiet tal-WasteServ?

WasteServ tibgħat il-ħġieġ kollu miġbur għall-esportazzjoni sabiex jiġi ttrasformat fi prodotti ġodda.   F’Lulju li għadda, WasteServ esportat madwar 6,550 tunnellata ta’ ħġieġ imħallat, l-akbar ammont ta’ ħġieġ esportat mill-2013, ekwivalenti għal 34 miljun flixkun ta’ soft drinks.

Inkwetat minħabba COVID-19?

COVID-19 jgħix għal bejn jumejn jew tliet ijiem fuq il-plastik u ħamest ijiem fuq il-ħġieġ.  Għaldaqstant huwa importanti li l-kontenitur li fih se toħroġ il-ħġieġ jinħasel b’diżinfettant li jkun ikkonċentrat b’5-6% ta’ sodium hypochlorite sabiex titnaqqas il-possibiltà ta’ kontaminazzjoni.  

Dejjem uża ngwanti, preferibbilment li jintużaw iktar minn darba, biex tnaddaf u tiddiżinfetta.

Għalxiex ma nħeġġux l-użu ta’ kaxxi tal-kartun?

Nifhmu li ħafna jippreferu jagħmlu użu minn kaxxi tal-kartun, speċjalment f’dan il-perjodu.  Però, kaxxi tal-kartun jitmermru u anki jitqattgħu meta jixxarbu bix-xita.  Dan jista’ jkun ta’ riskju għall-kollettur waqt li jkun qed ibattal il-kaxxa tiegħek fit-trakk.  Barra minn hekk, kartun imxarrab ma jistax jiġi rriċiklat peress li l-ilma jnaqqas il-kwalità tal-karta b’riżultat li tnaqqas mill-valur.  

Kaxxi tal-kartun jistgħu ukoll jittajru mir-riħ meta jkunu vojta.  

Nistednukom issegwu l-linji gwida maħruġa mill-Kunsill Lokali rispettiv tagħkom li huma responsabbli mill-ġbir tal-iskart. Xi Kunsilli Lokali għamlu arranġamenti sabiex jiffaċilitaw din it-transizzjoni.



Last updated on 06/10/2020

WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200