Contact Us

 

Flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, il-WasteServ mexxiet il-kampanja ‘Sort It Out’ madwar Malta. Imnedija f’Ottubru tal-2018, l-inizjattiva ‘Sort It Out’ ippruvat tqajjem iktar kuxjenza dwar is-separazzjoni tal-iskart muniċipali u r-riċiklaġġ bis-saħħa ta’ kampanja edukattiva.

Bis-saħħa ta’ dan il-proġett, li kien parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond ta’ Koeżjoni, il-ġbir tal-iskart organiku infirex mal-pajjiż kollu. Biex titnibbet bidla fl-imġiba u titrawwem prattika ta’ separazzjoni tal-iskart, WasteServ qassmet sett ta’ kontenituri għar-riċiklaġġ b’xejn lid-djar kollha. Sett ta’ kontenituri għar-riċiklaġġ tqassmu wkoll lill-entitajiet kollha tal-gvern. Dan kien akkumpanjat b’taħriġ fis-separazzjoni tal-iskart għar-rappreżentanti fid-dipartimenti kollha tal-gvern. 

Bħala parti mill-kampanja, WasteServ, ħadmet ukoll fil-qrib ma’ spiżeriji liċenzjati biex tkun tista’ tipprovdi lok għal rimi ta’ mediċina skaduta jew mhux użata. Kontenituri tal-iskart speċifiċi tqassmu ukoll lill-ispiżeriji u l-pubbliku in ġenerali ġie mħeġġeġ sabiex juża dan is-servizz b’xejn.

It-Trakkijiet tas-Separazzjoni tal-Iskart ukoll kienu parti mill-kampanja ‘Sort It Out’. Inxtraw trakkijiet tal-ġbir tal-iskart biex ikunu jistgħu jagħmluha iktar faċli għall-pubbliku biex ikun jista’ jeħles minn ċerti tipi ta’ skart, li jinkludu skart perikoluż bħaż-żejt tat-tisjir, bozoz tad-dawl u tubi tad-dawl. Kull trakk għandu kompartimenti separati għal tipi differenti ta’ skart, li jippermettu proċess ta’ separazzjoni tal-iskart iktar effettiv u effiċjenti.

Kuljum, dawn it-trakkijiet żaru lokalitajiet differenti madwar Malta u ffaċilitaw il-ġbir ta’ tipi differenti ta’ skart, waqt li fl-istess ħin tingħata ukoll informazzjoni dwar l-immaniġjar tal-iskart lill-pubbliku ġenerali. 

Last updated on 01/10/2020

WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200