Skart Organiku
Skart Organiku

  

 

L-iskart organiku joriġina minn sorsi ta’ pjanti u annimali u jkun jista’ jiġi mkisser minn organiżmi oħra ħajjin. Karta, ikel, skart minn pjanti, kif ukoll skart tal-ġnien huma kollha tipi ta’ skart organiku.
 

Dan it-tip ta’ skart huwa ġeneralment misjub fl-iskart muniċipali li jiġi mormi direttament f’miżbliet u jipproduċi gassijiet bħal metanu u gassijiet serra li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima.  Filwaqt li bit-teknoloġija nistgħu nirkupraw ħafna minn dawn il-gassijiet, alternattivi biex jitnaqqsu dawn il-gassijiet huma preferuti.  L-ewwel nett wieħed għandu jibda’ billi jissepara l-iskart tal-ikel ġol-kontenitur għall-iskart organiku. Għandha tintuża borża bajda għal dan it-tip ta’ skart.  L-iskart organiku jinġabar kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mill-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex.  ,Għal iktar informazzjoni dwar il-ġbir tal-iskart agħfas hawn. Alternattiva oħra hija li tagħmel il-kompost f’darek stess!

 

Ġbir ta’ Skart Organiku – il-bidu ta’ era ġdida fil-ġbir tal-iskart
 

 

X’jiġri mill-iskart organiku?

L-iskart organiku miġbur jittieħed fl-impjant ta’ Sant’ Antnin.  L-iskart jinbidel f’forma likwida u jitpoġġa ġo tankijiet mingħajr ossiġnu sabiex jibda’ proċess batterjoloġiku, ta’ madwar tletin ġurnata, li jipproduċi l-gas.  Fl-aħħar tal-proċess, il-prodott finali jitneħħielu l-ilma u l-materjal finali ikun simili għall-kompost.  Peress li l-iskart fil-bidu tal-proċess jkun ġie kemm mill-iskart tal-borża l-bajda kif ukoll mill-iskart tal-borża s-sewda, dan il-materjal ikun fih element ta’ kontaminazzjoni għaldaqstant ma jkunx jista’ jintuża għall-agrikoltura.  Bħalissa l-impjant ta’ Sant’ Antnin qed jiġi rinovat sabiex jittratta  l-iskart organiku waħdu biex b’hekk ir-riżultat finali ikun fih inqas kontaminazzjoni.  Sadanittant, sakemm jitlestew dawn ix-xogħlijiet, l-iskart organiku qiegħed jitwassal u jiġi trattat fil-faċilità tal-Malta North.

 

Kif ibbenefikat Malta?

Il-benefiċċji ambjentali li jirriżultaw minn separazzjoni tal-iskart organiku fuq livell nazzjoni huma sinifikanti.  L-iskart li jinġabar jintuża għall-produzzjoni tal-enerġija, li tagħti elettriku nadif lir-residenti.  Matul l-2019, inġabar iktar minn 27,000 tunnellata ta’ skart organiku, li qabeż bil-wisq il-miri li kienu mfassla fuq il-proġett pilota.  Però dan l-ammont jista’ potenzjalment jitla’ għal 70,000 tunnellata bil-parteċipazzjoni tar-residenti kollha billi jitfgħu l-iskart organiku tagħhom fil-borża l-bajda minflok fil-borża s-sewda.

 

Liema skart għandu jintrema fil-borża l-bajda?

Ikel imsajjar jew nej inkluż għadam, ħut u frott tal-baħar, ħobż u għaġin, frott u ħaxix imħassar, qxur tal-frott u tal-ħaxix, tea bags u kafè mitħun, qxur tal-bajd, srievet tal-karta u karta mċappsa, weraq u fjuri għandhom jintremew fil-borża l-bajda.

Mill-banda ‘l oħra, sigaretti, ħrieqi, ippakkeġġjar tal-ikel, fojl, tissues ta’ użu sanitarju kif ukoll zkuk m’għanhomx jintremew fil-borża l-bajda.

 

Għal iktar informazzjoni tista’ ċċempel Freephone 8007 2200 jew tibgħat imejl fuq info.ws@wasteservmalta.com.

 

 

 

 

Last Updated: 02/06/2020